Therese Pace – Birkirkara, Malta 2017

ORGANIZER Therese Pace
CONTACT: sampei@onvol.net

 

 

This entry was posted in Birkirkara. Bookmark the permalink.

2 Responses to Therese Pace – Birkirkara, Malta 2017

  1. Therese Pace says:

    Poems read during the 100Thousand Poets for Change event on 29th September 2017

    Jiena l-Ħolm Pospost Għal Għada

    Xtaqt inkun bniedem normali
    u sirt sulluzzu nazzjonali
    skumdità intellllettwali

    Xtaqt inkun maħbub u ħieles
    driegħ miftuħ u leħen mieles
    u kelli nsir konfin mifqugħ
    minn ħadd miġjub,
    minn ħadd milqugħ
    il-maħrub ta’ mitt kriterju
    jisfida l-ibħra ċimiterju
    jgħix it-trawma f’trawma f’trawma
    ta’ kull qadfa, ta’ kull għawma.

    Nagħti merħba lili nnifsi
    fuq kull gżira fejn niżbarka.
    Indewwi l-ġerħa, naħbi l-marka…

    Xtaqt inkun ċittadin stmat
    u sirt ix-xewka f’daħar l-istat,
    ir-rifjut, turufnament,
    l-hekk imsejjaħ delinkwent
    tas-snien morsa sserrati,
    tal-għajnejn imqabbża ʼl barra,
    tal-qalb tferfer fi griżmejja,
    tax-xofftejn xquq bit-tensjoni
    daqskemm b’għatx l-immigrazzjoni.

    Jiena l-ħolm pospost għal għada,
    it-telfa t’ommi u ta’ missieri, il-leħen fgat,
    il-memorja tibki l-ġenna tal-passat.

    Therese Pace

    Ninża’ Lili Nnifsi

    Ninża’ għal waqt
    lili nnifsi
    u nsir hu u hi u huma
    nies l-ifqar iġbiel
    u l-ibgħad kontinenti
    ta’ fuq, ta’ taħt
    tal-Lvant u tal-Punent
    ittraduti
    imjassrin
    imċaħħdin
    imxejnin
    u nħoss hawn ġew
    ġol-ifnad membrani
    ta’ sidri akkoljenti
    ġuħhom,
    diqhom,
    uġigħhom,
    iċ-ċaħdiet ta’ drittijiethom,
    il-ħruq ta’ ġisimhom mixwi
    bis-sarin u l-klorin,
    bil-mustarda, l-lewiżita,
    bl-agħar u l-eqqel vesikanti;
    tiġrib l-istupri tagħhom
    imwettqa bla mistħija;
    il-faqar mixdud
    bħal distintiva raffa
    fuq ġisimhom għeri
    u ndur lejn id-dinja
    li, rgħiba, naqsithom
    u ngħidilha
    midinba
    mur ħabbat fuq sidrek
    u isgħob mill-ħtija
    u għajjat,
    biżżejjed, daqshekk!

    Therese Pace

    Is-Sirja
    (Settembru 2013)

    Balal ta’ nirien u sriep id-dħaħen
    iġarrfu l-fdalijiet ta’ Aleppo.
    L-irwejjaħ tal-kubrit jitħalltu mal-aħħar karba
    ta’ min jerħi ruħu fis-siegħa tat-taqbid.
    L-iġsma tal-aħwa mwaħħda mat-tifrik,
    mirfusa mir-roti srieraq iġorru l-katusi
    bil-bokok vampa t-taħrik.

    Faqqset it-theddida mżarġna tal-qawwiet
    ħa jidħlu bejn il-basla u qoxritha,
    ħa jwaqqfu l-balal bil-bombi,
    ħa jitfu n-nirien bil-ħġejjeġ,
    ħa jwaqqfu d-dmija bid-demm.
    Ix-xabla ma xxettel l-ebda risq u sliem
    għajr biss uġigħ id-dnewwa bl-għali fil-hemm.

    Għaliex hawn dil-ħerba mdemmija, Sawl, Sawl?
    Minn ġuf iċ-ċlampu mdennes bil-polvri,
    ħallu f’trejqet Damasku jofroq id-Dawl!

    Raymond Grech
    7 ta’ Settembru 2013

    “Huwa u sejjer, kif qorob lejn Damasku, f’daqqa waħda idda
    madwaru dawl mis-sema…” (Il-Bibbja, GħBM, L-ewwel edizzjoni
    1984, Atti 9:3).

    ********************************************************************

    Baghdad f’Jum il-Milied 2013

    Wara li spiċċat il-prietka tat-tfajjel
    u tbattlu l-imqades tal-fidili
    u l-għors allegru ta’ lejliet il-Milied,
    li kien għadu kemm iddgħajjef fil-ħemda
    mis-swali maħnuqa bl-ewforija,
    f’dal-jum mistenni ta’ ironija.
    Hekk kif il-mużika mietet fuq ommha
    u l-vodka għadha terħi bejn il-friex,
    imħallta mar-riħa tad-dundjan il-forn,
    jagħmlu spirali ta’ rwejjaħ kuntrastanti.

    Tasal l-aħbar… splużjoni tleħħ ħsus ir-ragħad
    lil hinn ’il bogħod fin-Nofsinhar ta’ Baghdad.
    Karozza bomba theżżeż għamajjar u n-nies
    u ttajjar flieli ta’ iġsma kullimkien.
    Tinġiż bid-dħaħen sfiq, xehir u għali
    ta’ bombi mgeżwra, malinni rigali;
    fejn iċċappsu l-fdalijiet tat-tertiq,
    bid-dmija sħan, tal-martri jġarrbu d-diq.
    F’Sabaa al-Bour u f’al-Athorien
    ta’ dawk li matul il-lejl mistenni,
    fakkru f’għanja ta’ skiet u stima
    lil Ġesù bambin b’għożża u qima.

    Ġrajj’oħra mimlija swied u kefrija,
    tintilef…
    fl-ispettakli ta’ ljieli mifrugħija.

    Raymond Grech
    25 ta’ Diċembru 2013

    IL-QTIL TAL-INNOĊENTI – IT-2NI PARTI

    Lill-ġens Sirjan

    Jekk int trid toqtol lill-poplu tiegħek
    tużax il-gass għax iġibek fl-inkwiet –
    iġbor madwarek ir-rejiet potenti
    u ixtri mingħandom il-għama u s-skiet.

    Pembroke 12.9.2013
    Jesmond Sharples

    IL-ĦRUQ TAĊ-ĊEDRU[1]

    fuq l-altar tal-ideoloġija
    dbaħna elf tarbija
    fis-saħna kiesħa t’irrazzjonalità
    mnissla min-nazzjonalità
    u l-ortodossija.

    f’isem Alla u wegħdtu
    nxerrdu d-dmija
    fuq il-midbaħ bl-offerta
    ’ġa mejta
    bit-tqanżiħ tad-diplomazija…
    Bin Adam,
    illum dfint ’l Alla
    li qatt ħadd ma rah
    u miegħu t-tjubija
    u r-raġuni biex tistmah.
    U floku ħtart
    minn għerq is-serp
    ’l Olmért u l-Ħiżbollàħ.

    Pembroke 13.8.2006
    Jesmond Sharples

  2. Therese Pace says:

    We hope to see you there.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *